Studenti tal-midja tal-MCAST jipproduċu clips għat-TV

Dejjem jgħidulna li aktar kemm tipprova aktar ikollok ċans tipperfezzjona. Metodi tradizzjonali tat-tagħlim m’għandhom qatt għalfejn jiġu abbandunati, pero importanti li nevalwaw il-benefiċċji tal-prattika. Biex inkunu nistgħu nitgħallmu, importanti li nirrepetu. Dawk li jipprattikaw l-aktar; jinsew l-anqas matul iż-żmien.

Dan huwa dak li għamlu numru ta’ studenti li qed isegwu l-kors tal-midja fl-MCAST. 22 student ingħataw l-opportunità li jipproduċu clips għat-TV ta’ 30 sekonda individwalment, b’verżjonijiet ta’ 10 u 15 il-sekonda, fejn se jingħataw ukoll l-opportunità li juru dawn il-clips fuq l-istazzjon nazzjonali.

Bdew billi għamlu r-riċerka meħtieġa fuq l-impatti tal-midja fuq udjenzi speċifiċi, bħal pereżempju tfal, adoloxxenti u adulti. Bl-inkoraġġiment u l-kollaborazzjoni tat-tim tal-PBS, intgħażlu 22 clip promozzjonali, ikkuluriti u dinamiċi li jippromwovu diversi Programmi tal-Litteriżmu bil-Malti u bl-Ingliż u li se jintwerew fuq l-istazzjoni nazzjonali sabiex jinkoraġixxu l-parteċipazzjoni ta’ aktar membri tas-soċjetà sabiex jimpenjaw ruħhom fl-inizjattivi tal-litteriżmu organizzati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Ħafna mill-istudenti huma kuntenti bir-riżultat li rnexxilhom jilħqu bil-clips. Meta ltqajna magħhom, uħud minnhom għaddew dawn il-kummenti.

“Meta saqsewni nixtieqx inkun parti minn dan il-proġett kont verament kuntent li se nkun nista’ nipprattika dak li qed nitgħallem l-MCAST b’mod hands on. Tgħallimt ħafna f’dawn l-aħħar xhur u pruvajt nagħmel dak kollu li nista’ sabiex nassorbi kemm niflaħ informazzjoni biex b’hekk inkun nista’ nutilizzaha meta nigrawdwa u noħroġ fid-dinja tax-xogħol,” qal wieħed mill-istudenti li produċa waħda mill-clips.

Studenta oħra qaltilna kif meta kienet qed tipproduċi din l-clip irrejalizzat li ħafna minn dak li kienet qed titgħallem waqt il-ħin fil-klassi setgħet tużaħ fil-clip li kienet qed tipproduċi. “Kont verament sodisfatta li stajt nuża dak li tgħallimt fil-klassi b’mod konkrett fil-clip tiegħi. Sibna ħafna għajnuna mill-PBS ukoll fejn qasmu l-esperjenzi tagħhom fuq l-midja awdjo viżiva biex b’hekk nkunu nistgħu mhux biss nużawhom fil-clip li għamilna issa iżda wkoll fix-xogħol li nsegwu fil-futur,” tenniet.

Permezz tal-proġett l-istudenti ingħataw l-opportunità li jżiedu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom sabiex ikollhom l-għodda biex jaħdmu f’ambjent kreattiv.

Dan il-proġett hu kollaborazzjoni professjonali bejn l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-Dipartiment tal-Midja fl-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST. Din is-sinerġija professjonali tat lil 22 mill-istudenti li qed jistudjaw BA (Hons) Media l-opportunità li jirriċerkaw, jesploraw u jiżviluppaw soluzzjonijiet kreattivi għal proġett stabbilit mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. L-istudenti għażlu li jaħdmu fuq wieħed mill-bosta programmi offruti mill-Aġenzija tal-Litteriżmu u li jieħdu din l-esperjenza bħal kull esperjenza professjonali oħra fil-ħajja reali.

Dwar l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu (NLA) tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol tfittex li tippromwovi u ttejjeb prattiċi ta’ litteriżmu ta’ kwalità għolja tul il-ħajja kollha fost tfal, żgħażagħ, adulti, ċittadini ta’ pajjiżi oħra u persuni li jsibu diffikultajiet biex jitgħallmu. Tipprova ukoll ittejjeb ir-riżultati tal-litteriżmu, li jirriżultaw fi prattiċi inklussivi, kwalifiki edukattivi ogħla, u prospetti ta’ impjieg aħjar. L-Aġenzija twaqqfet f’nofs l-2014 biex tippromwovi u tiżgura t-twassil ta’ aspetti differenti tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal kull persuna f’Malta u Għawdex, u sservi bħala l-mutur prinċipali fil-qasam tal-litteriżmu. (Avviż Legali 192/2014). L-NLA tippromwovi inklużjoni soċjali; komunitajiet litterati; demokrazija parteċipattiva; bilingwiżmu; biliteracy; is-setgħa tal-ġenituri; l-għalliema kollha bħala għalliema tal-litteriżmu u tagħlim u tagħlim tal-litteriżmu bbilanċjat.