25 kumpanija u Start Ups taż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-Fiera Nazzjonali tal-JAYE Malta 2018
Kwazi 150 student urew il-ħilijiet u kreattività intraprenditorjali tagħhom lil pubbliku kif ukoll il-ġudikaturi tal-kompetizzjonijiet rispettivi waqt il-Fiera Nazzjonali ta’ JAYE Malta li ttellat f’The Point Shopping Mall f’Tas-Sliema. Il-prodotti u s-servizzi żviluppati varjaw minn applikazzjonijiet teknoloġiċi għal prodotti għad-dar magħmulin bl-idejn. Sittax-il tim ipparteċipa fil-Company Programme filwaqt li 9 fl-iStart Up Programme.
Ftit miż-żgħażagħ li kienu pparteċipaw fil-JAYE Malta u li llum il-ġurnata huma individwi ferm eżemplari fix-xogħol rispettiv tagħhom jinkludu lil Ira Losco u Christabelle Borg kantawtrici li rrapreżentaw jew ser jirrapreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest, Gianni Zammit direttur ta’ JUGS Malta u Vibe FM, Xandru Grech ex-atleta nazzjonali li rebaħ bosta medalji fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, Matthew Xuereb, Kap tal-aħbarijiet fi ħdan it-Times of Malta, Ian Casolani sid ta’ Belair Property, u Simon Azzopardi Fundatur ta’ Silicon Valletta.
Is-Sena 2018 timmarka t-tletin sena tal-waqfa tal-Fundazzjoni Junior Achievement Young Enteprise f’Malta. Kull sena, mis-sena 1988, Żgħażagħ fil-kulleġġi tas-Sixth form fil-Junior College, Higher Secondary, MCAST kif ukoll universitajiet varji f’Malta, jifformaw timijiet biex jibdew kumpanija jew Start Up bħala parti mill-Company Programme jew Start Up Programme tal-JAYE Malta.
Għaldaqstant, it-tema tal-Fiera Nazzjonali taż-żgħażagħ kienet “Follow their Footsteps” bis-suċċessi ta’ bosta parteċipanti u kollaboraturi tal-passat jiġu enfasizzati madwar The Point Shopping Mall f’Tas-Sliema fejn seħħet il-Fiera bħala ċelebrazzjoni tal-passat u ispirazzjoni għal preżent.
Sa mis-sena 1988, l-organizazzjoni laqgħet il-fuq minn 9000 żgħażugħ u żgħażugħa f’diversi programmi edukattivi, primarjament fosthom il-Company Programme ofruta għall-istudenti tas-Sixth Form u l-MCAST. Illum il-ġurnata ħafna intraprendituri Maltin jistgħu jidentifikaw ruħhom bhala JAYE Achievers peress li qattgħu l-ewwel sena tas-sixth form tagħhom jibnu intrapriża fejn setgħu jipprovaw direttament ir-realta’ ta’ kif jitmexxa negozju.
It-timijiet kollha li jipparteċipaw ikunu jixtiequ li jieħdu t-titlu ta’ Company Start up of the Year fil-Finali li se jsiru fis-26 u s-27 ta’ Mejju rispettivament. Ir-rebbieħa nazzjonali se jirrappreżentaw lil Malta fil-Finali Ewropej f’Ġunju u f’Lulju. Matul is-snin, Malta rebħet il-European Company of the Year erba’ darbiet u s-sena li għaddiet, rebħet l-European Enterprise Challenge għall-ewwel darba fl-istorja qasira ta’ parteċipazzjoni ta’ 3 snin.