Sport

Miljun Ewro f’għajnuna finanzjarja lil atleti

SportMalta ppreżentat total ta’ €1,049,738 f’għajnuna finanzjarja lil assoċjazzjonijiet u atleti individwali.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li permezz tal-assistenzi minn SportMalta, qed naraw li l-assoċjazzjonijiet u clubs qed ikunu proattivi u qed jieħdu inizzjattivi biex jiġġeneraw dħul. Kien għalhekk li l-gvern ħaseb biex idaħħal il-liġi ta’ kummerċjalizazzjoni ta’ artijiet sportivi sabiex jagħti libertà regolata lill-clubs u assoċjazzjonijiet biex jużaw l-artjiet fdati lilhom mill-gvern biex ikomplu jkabbru l-likwidità u jużawha biex l-isport tagħhom jikber.

B’kollox kienu 118-il atleta u assoċjazzjoni li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja matul din is-sena. Dawn jinkludu il-ħlas ghall-iskema tal-assistenzi ta’ SportMalta għall-2017 li jinkludi assistenza finanzjarja għal proġetti li jammontaw għal €931,876, Youth Development Scheme li tammonta għal €6,237, Flexi Training Scheme li tammonta għal €24,152, ittri ta’ impenn għall-2018 li jammontaw għal €192,000, assistenza lill-atleti tas-Synchro Academy li jammontaw għal €4,200, il-premjijiet u sussidji tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien li jammontaw għal €18,485, assistenza lill-Għaqda Ġurnalisti tal-Isport għan-National Sport Awards li jammontaw għal €60,905, u assistenza lill-privat rigward special leave li jammonta għal €3,882.

SportMalta torganizza erba’ ċerimonji sabiex l-assoċjazzjonijiet sportivi u l-atleti ma jkollhomx jistennew żmien twil għall-assistenza finanzjarja. Dawn huma parti mir-riforma ta’ SportMalta għall-benefiċċju tal-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet, biex b’hekk tagħtihom aktar ċertezza biex jippjanaw finanzjarjament.

Waqt l-istess ċeremonja ġew ippreżentati wkoll 30 ċertifikat lill-coaches u ħaddiema ta’ SportMalta li spiċċaw il-kors tal-first aid b’suċċess. Dan il-kors ġie mfassal sabiex il-ħaddiema u coaches dejjem ikunu kapaċi jassistu persuni f’diffikultà fiżika waqt xi attività sportiva u anke fuq il-post tax-xogħol.

Ritratt: Jeremy Wonnacott (DOI)