Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jixtieq jiċċara li l-istudenti tal-iskola primarja tar-Rabat, Għawdex mhux se jiġu trasferiti fi skola oħra.
Il-ministeru jikkonferma li l-proposta li kienet saritlu biex it-tfal tar-Rabat jiċċaqalqu fi skejjel differenti mhix ser issir.
Tajjeb wieħed ifakkar li sena wara l-oħra l-ministeru baqa’ jżid il-fondi għall-iskola primarja tar-Rabat, inkluż għall-maintenance li fil-fatt baqa’ jsir b’mod regolari. Din is-sena wkoll sar investiment f’outdoor facilityġdida, turf fil-bitħa u sistema ta’ sigurtà f’din l-iskola.
Sadanittant, kważi sentejn ilu ġie identifikat sit fejn se tinbena l-iskola primarja ġdida fir-Rabat u li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), fi ħdan il-ministeru, issottomettiet l-applikazzjoni għand l-awtoritajiet konċernati. Bħalissa huma mistennija l-permessi neċessarji biex jinbeda x-xogħol minnufih.
Il-ministeru hu preparat biex jibda dan il-proġett ġdid mill-ewwel kif ikollu l-permessi neċessarji.
Il-ministeru għandu pjanat ukoll laqgħa għall-ġenituri u l-għalliema dwar il-proġett tal-iskola l-ġdida.