Wara li l-Ministeru għamel konsultazzjoni pubblika fuq l-uniformi tal-iskola mal-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri, l-għażla tal-maġġoranza fost kull grupp kienet favur li l-uniformi tkun tracksuit komda u ta’ kwalità, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa.

Il-konsultazzjonijiet saru fi tliet fażijiet bejn l-1 ta’ Frar u t-18 ta’ Marzu 2019.

85% tal-istudenti mill-primarja li ħadu sehem f’focus groups marru għall-għażla ta’ uniformi li tkun tracksuit komda u ta’ kwalità. Il-focus groups saru f’għoxrin skola primarja mqassma fl-għaxar kulleġġi, tnejn f’kull kulleġġ.

91% tal-istudenti mill-iskejjel medji u sekondarji taw l-għażliet tagħhom favur it-tracksuit permezz ta’ survey online.

Il-konsultazzjoni mal-ġenituri u mal-edukaturi saret permezz ta’ survey online.

89% tal-ġenituri tal-istudenti li jattendu l-iskejjel primarji, medji u sekondarji tal-Istat huma favur it-tracksuit bħala uniformi.

77% ta’ edukaturi li huma wkoll ġenituri għażlu t-tracksuit bħala uniformi.

56% tal-edukaturi li pparteċipaw fis-survey huma wkoll favur it-tracksuit bħala uniformi.

Il-Ministeru qed jagħżel li jonora l-għażla ċara li ħarġet mill-konsultazzjoni li saret mal-imsieħba kollha.

Bħalissa qed ikunu konsultati internament ma’ uffiċjali inkarigati dwar l-aħjar għażliet fid-disinn u fil-materjal li għandu jkollha t-tracksuit biex tkun komda u adattata għall-iskola. Saret konsultazzjoni interna wkoll dwar kif l-aħjar li għandha tiddaħħal l-uniformi l-ġdida gradwalment biex ma jkunx hemm piż żejjed fuq il-familji.

Id-disinn tat-tracksuit il-ġdida għall-primarja u għas-sekondarja (inkluż tal-medja) ser ikollhom xi dettalji li jvarjaw fid-disinn tagħhom. Kull kulleġġ tal-Istat se jkollu dettalji u skemi ta’ kulur partikolari biex jibqa’ jkollhom identità li tidentifika lill-kulleġġ tagħhom. Dawn l-għażliet saru dejjem bil-ħsieb li nkomplu nagħmlu uniformi aktar affordabbli imma fl-istess waqt ta’ kwalità u sabiħa.

Nemmnu fil-kapaċitajiet tal-istudenti tagħna u għalhekk id-disinn u l-ispeċifikazzonijiet tal-uniformi ġew fdati f’idejn l-istudenti tal-MCAST taħt id-direzzjoni u l-assistenza tal-letturi tagħhom. Dan l-eżerċizzju għaddej bħalissa u mistenni jkun finalizzat matul dan is-sajf.

Wara li jkunu finalizzati d-disinni l-ġodda u d-dettalji tal-materjal, jinbeda l-proċess tal-għażla tal-fornitur. Sabiex jingħażel il-fornitur tal-uniformijiet, il-Ministeru se jkun qed jippubblika request for proposals biex ikun jista’ jingħażel l-offerent li jonora l-ispeċifikazzjonijiet kollha mitlubin bl-aħjar offerta finanzjarja. Dettalji dwar min se jingħażel permezz tar-request for proposals u jkun qed jissupplixxi t-tracksuit bħala l-uniformi l-ġdida jkunu pubbliċi hekk kif jiġi finalizzat dan il-proċess.

Il-Ministeru jinforma li se jkun hemm phasing-in tal-uniformi l-ġdida u għaldaqstant se jkunu qed isiru arranġamenti dwar meta tidħol fis-seħħ biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm piżijiet żejda fuq il-ġenituri. Il-Ministeru qed jinforma lill-iskejjel u lill-ġenituri li

  • Sena Skolastika 2019/2020

Ser tinżamm l-uniformi preżenti, waqt li l-ġenituri ser ikunu jistgħu jibagħtu lil uliedhom bit-tracksuit, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa tal-uniformi attwali.

  • Sena Skolastika 2020/2021

It-tracksuit il-ġdida, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa se tkun qed tidħol fil-Kindergarten 1, Year 1, Year 7 u Year 9 mis-sena skolastika 2020-2021.

  • Sena Skolastika 2021/2022

Kull student jattendi l-iskola bit-tracksuit il-ġdida, inklużi poloshirt, t-shirt, shorts, cap u ġakketta għax-xitwa.

Sadanittant min jixtieq jistaqsi xi mistoqsija dwar l-uniformi jista’ jċempel fuq 153.