EducationSchool Initiative

Studenti tal-Kulleġġ San Nikola fost l-aqwa erba’ investigaturi tal-klima fl-Ewropa.

no image added yet.

Grupp ta’ studenti mill-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli u mill-iskola medja tar-Rabat tal-Kulleġġ San Nikola ikklassifikaw fost l-aqwa erba’ timijiet fil-proġett Climate Detectives organizzat mill-European Space Agency.

Fil-proġett Climate Detectives ħadu sehem iktar minn 450 student minn madwar l-Ewropa kollha. Kull tim kellu jidentifika problema relatata mal-klima lokali, jiġbor data u informazzjoni biex jinvestiga il-problema u finalment jieħu azzjonijiet biex itaffu l-istess problema.

It-tim tal-Kulleġġ San Nikola investigaw kif it-tibdil fil-klima, primarjament tibdil fl-ammont ta’ xita u temperatura, qed jaffettwa l-ammont ta’ ilma li jgħaddi minn Wied il-Qlejgħa, fil-limiti tar-Rabat u l-Imtarfa, u l-impatt ta’ dan it-tibdil fuq il-biedja fl-inħawi tal-wied.

L-istudenti tad-disa’ sena tal-ġeografija fl-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli bdew billi janalizzaw data kwantitattiva dwar tibdil fit-temperatura u fl-ammont ta’ xita li niżlet fuq il-gżejjer Maltin matul dawn l-aħħar ħamsin sena. Saru wkoll osservazzjonijiet dwar l-ammont ta’ ilma li jgħaddi minn Wied il-Qlejgħa permezz ta’ ritratti mis-satelliti Landsat 5 u Sentinel 2. Finalment għamlu osservazzjonijiet billi għamlu fieldwork f’Wied il-Qlejgħa fi Frar 2020.

Din l-analiżi uriet li għalkemm l-ammont ta’ xita fil-gżejjer Maltin ftit li xejn varja matul dawn l-aħħar ħamsin sena, jidher li x-xita qed tonqos fis-sajf u tiżdied fil-ħarifa. It-temperatura tidher li għoliet b’1.5°C mill-1973 ’l hawn. Waqt il-fieldwork, l-istudenti innutaw li parti kbira mill-wied kien xott, għax Frar 2020 kien l-aktar Frar xott mill-1923 ’l hawn, iżda setgħu josservaw “features” li juru li l-ammont ta’ ilma li kien jgħaddi mill-wied fil-passat kien ħafna iktar għoli, fosthom liwjiet fil-wied li iffurmaw b’azzjoni idrawlika. Bdiewa li jaħdmu r-raba’ fl-inħawi tal-wied ġew intervistati biex tinġabar informazzjoni dwar l-effett li t-tibdil fl-ammont ta’ ilma fil-wied għandu fuq il-biedja.

L-istudenti li ħadu sehem f’dan il-proġett innutaw li ħafna nies ma jirrealiżżawx li tibdil żgħir fl-istil ta’ ħajja tagħhom jista’ jnaqqas it-tibdil fil-klima. L-istudenti tal-iskola medja tar-Rabat ħadmu biex iqajjmu kuxjenza dwar dan billi ħolqu materjal li jippromwovi l-użu tad-dawl naturali, l-użu għaqli tal-elettriku u l-ilma, il-valur tal-iskart bħala riżorsa, is-separazzjoni tal-iskart, tħawwil ta’ siġar indiġeni madwar l-iskola u fil-komunitajiet li jgħixu fihom.

Dan il-vidjo juri x-xogħol li għamlu l-istudenti tal-Kulleġġ San Nikola.

https://climatedetectives.esa.int/ad/reduce-your-carbon-footprint-and-save-maltas-watercourses/