EducationMinistry for Education and Employment

Nota ta’ Ringrazzjament fi Tmiem is-Sena Skolastika 2019-2020

Apprezzament u Tislijiet

Inħossni fid-dover li għal darb’ oħra, wara madwar tliet xhur u nofs ta’ esperjenza edukattiva straordinarja li għaddejna minnha lkoll, nerġa’ nuri l-apprezzament u nwassal ir-ringrazzjament tiegħi u tat-tmexxija lil kull edukatur, professjonist, impjegat u kull ħaddiem fl-iskejjel tagħna. Għalina lkoll dawn kienu ġimgħat ta’ impenn u sagrifiċċji biex il-missjoni morali li tabilħaqq nemmnu fiha naraw li nwettquha wkoll Inħossni onorat  bis-sehem tagħkom kull meta fittixtu s-soluzzjonijiet għall-isfidi li sibna wiċċna magħhom minflok tajnihom daharna. Nirringrazzjakom talli  fittixtu l-ekwità f’ ħidmietkom, talli rajtu kif tilħqu lill-istudenti kollha, u li rajtu li tkunu ġusti f’dak li għamiltu.

 

Niċċelebraw prattiċi tajbin

Matul dawn il-ġimgħat fi tmiem din is-sena skolastika kelli x-xorti nara prattiċi tajbin u sbieħ ħafna ta’ tagħlim, ċelebrazzjonijiet u sessjonijiet ta’ tranżizzjoni, sorpriżi sbieħ li nagħtaw lill-istudenti fi djarhom u madwar it-toroq mill-edukaturi tagħhom, u servizzi ta’ sapport u appoġġ lill-istudenti u l-familjari tagħhom fil-bżonn. Dan fl-istess waqt li l-ħidma amministrattiva ssoktat bħalma baqgħu għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ  fl-iskejjel, u l-bini ta’ skejjel u proġetti kapitali ġodda. Dan kollu sar u qed isir grazzi għal kull wieħed u waħda minna.

 

Servejna ta’ wens

Kuntent ħafna li rnexxielna nilħqu studenti li ċ-ċirkostanzi poġġewhom fi żvantaġġ. Kuntent li rnexxielna nibqgħu nagħtu l-lunch b’xejn kuljum, sellifna tablets u computers lil studenti li ma setgħux ikomplu bit-tagħlim tagħhom online, u tajna sena internet mingħajr ħlas lil min kien tabilħaqq fil-bżonn.

 

Konna t’assistenza

Konna wkoll ta’ assistenza  billi offrejna swali u faċilitajiet fl-iskejjel tagħna biex ingħataw servizzi essenjali f’ċirkostanzi straordinarji. Servizzi bħalma huma tħejjija ta’ ikliet bla ħlas, produzzjoni ta’ face shields, ftuħ ta’ stazzjon distrettwali temporanju ġdid għall-protezzjoni ċivili, ftuħ ta’ ċentru ta’ ħarsien tat-tfal ta’ ħaddiema li kienu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u sellifna swali li ntużaw biex jinħażen materjal użat mill-awtoritajiet tas-saħħa f’dawn il-mumenti straordinarji.

 

Bqajna nitħejjew

Wara li f’Marzu konna ħabbarna pjan komprensiv li kopra miċ-ċentri tal-edukazzjoni bikrija sal-edukazzjoni terzjarja u teknika, u ħabbarna kif kienu ser jingħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi bla ma jitwaqqaf it-tagħlim fil-livelli kollha, minn April middejna għonqna wkoll għax-xogħol b’kollaborazzjoni mal-imsieħba konċernati, inkluż l-awtoritajiet tas-saħħa, fuq tħejjijiet kurrikulari, ta’ servizzi ta’ appoġġ u loġistiċi għall-ftuħ eventwali mill-ġdid  tal-istituzzjonijiet edukattivi. Sa issa nfetħu mill-ġdid iċ-ċentri tal-edukazzjoni bikrija u ninsabu għal-lest biex jinfetħu l-iskejjel tas-sajf, Klabb 3-16, il-klassijiet tar-reviżjoni taċ-ĊES u tagħlim ieħor li jsir matul is-sajf.

 

Mument ta’ mistriħ

Issa, hekk kif f’dawn il-jiem tagħlaq din is-sena skolastika, u kif inhu xieraq, waqt li l-ħidma tkompli, nixtieqkom issibu wkoll il-ħin u l-mumenti għalikom u għall-għeżież tagħkom biex tistrieħu u tgawduhom, waqt li tibqgħu tiftakru kemm ġid ħareġ minn ħidmietkom.

 

Grazzi

Mill-ġdid, nerġa’ nirringrazzjakom għall-mod kif irnexxielkom twettqu l-missjoni morali u professjonali tagħkom matul sena skoalstika li kienet waħda eċċezzjonali, u għat-tħejjijiet għal sena skolastika ġdida oħra.

Tislijiet