X’inhu l-iskop ta’ Siparju?
F’Malta hawn nuqqas ta’ letteratura komprensiva u kredibbli li titratta l-istorja tat-teatru fil-pajjiż. Biex jindirizza din il-problema, id-Dipartiment tal-Istudji tat-Teatru ħoloq sistemi u opportunitajiet għall-istudju tat-teatru f’Malta fid-diversi forom tiegħu.
Biex itejjeb l-livell ta’ din ir-riċerka, id-Dipartiment tal-Istudji tat-Teatru tal-Università ta’ Malta qed jikkollabora ma’ Teatru Malta biex joffri borża ta’ studju li twassal għall-ksib ta’ PhD fl-Istudji tat-Teatru fl-Università ta’ Malta. Il-kandidat magħżul se jkun qed jaħdem fuq teżi dwar l-istorja tat-teatru f’Malta skont kif ikun ġie miftiehem mas-superviżuri tal-proġett u ma’ Teatru Malta. Il-proġett se jinvolvi metodi differenti ta’ ġbir tad-dejta, li jinkludu xogħol fuq materjal arkivistiku u intervisti ma’ prattikanti tas-settur, u se jkun immirat biex jagħti kontribut importanti fil-ġbir tal-għarfien dwar l-istorja tat-teatru ta’ Malta kif ukoll ixerred u jippopolarizza letteratura dwar is-suġġett li tkun kemm storikament kif ukoll teoretikament soda.
X’se jkun mistenni mill-kandidat magħżul
?Il-kandidat magħżul se jikteb proposta ta’ riċerka b’kollaborazzjoni mas-superviżuri tal-proġett li tiġi sottomessa lill-Università ta’ Malta għall-approvazzjoni.
?It-teżi se tinkiteb bl-Ingliż, li hija l-lingwa uffiċjali tal-istruzzjoni tal-Università ta’ Malta. Il-kandidati għandu jkollhom ukoll għarfien tajjeb tal-Malti, bħala mezz miktub u mitkellem.
?Il-kandidat magħżul se jingħata opportunitajiet u jkun mistenni li jaqsam xogħolu ma ħaddieħor permezz tal-parteċipazzjoni f’seminars u f’konferenzi akkademiċi, tal-pubblikazzjoni akkademika u ta’ modi oħrajn. Meta wieħed iqis l-interess li din ir-riċerka mistennija tiġġenera fuq livell nazzjonali, il-kandidat għandu jkun lest biex jaħtaf l-opportunitajiet li fihom jkun jista’ jxerred ir-riċerka permezz tal-midja tal-massa lokali.
?Taħriġ f’metodi differenti ta’ ġbir, ipproċessar u analiżi tad-dejta se jiġi pprovdut kif ikun meħtieġ.
?Teatru Malta se jkun qed jinvesti f’websajt li tiddokumenta l-istorja tat-teatru Malti. Il-kandidat magħżul se jkollu r-responsabblità li jipprovdi d-dejta meħtieġa biex jimtela dan it-timeline virtwali.
Rekwiżit
Biex jiġu kkunsidrati għal din il-borża ta’ studju, l-applikanti jrid ikollhom:
?Grad tal-Master, jew Grad bl-Unuri fl-Ewwel Klassi, fis-Studji Teatrali jew f’suġġett simili.
Iktar informazzjoni
Aktar informazzjoni dwar l-studji tal-PhD fl-Università ta’ Malta tista’ tiġi aċċessata minn hawn.
Persuni li huma interessati li japplikaw għal din il-borża ta’ studju huma mħeġġa jikkuntattjaw lil Dr Marco Galea ([email protected]) fir-rigward ta’ mistoqsijiet ta’ natura akkademika; u lis-Sinjura Teresa Parry ([email protected]) għall-mistoqsijiet ta’ natura amministrattiva.
L-applikazzjonijiet se jinfetħu f’Settembru 2021 mill-Università ta’ Malta, u l-programm tal-PhD se jibda f’Ottubru 2021.
Din l-inizjattiva hija possibbli wkoll grazzi għall-kontribut tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.