Ix-xjenzat Albert Einstein kien jgħid li l-kreattività titnissel mill-gost tal-intelliġenza. (Creativity is intelligence having fun.) U fost l-affarijiet sbieħ li bihom hu mżejjen il-bniedem hemm din il-kreattività li ma tħallix id-dinja ddur iċ-ċiklu tagħha b’mod monotonu, anzi tanimah u tagħmlu kkulurit minn kull aspett.
Kien fuq dan il-ħsieb li l-Iskola Medja, Tal-Ħandaq fil-Kulleġġ San Injazju ddedikat Wesgħa għall-Kreattività fl-istess binja tal-iskola fejn l-istudenti jkunu jistgħu jinġabru f’post komdu u modern u minn hemm jispiraw ruħhom f’dik li hija kreattività. Din tiġi mill-qari ta’ kotba ta’ ġeneri differenti, mit-tpinġija, mill-fotografija kif ukoll mit-tfassil ta’ disinji li lkoll jissarfu f’aspirazzjoni għal studenti oħra. Dan kollu se jiġi esebit biex l-iskola tinbidel f’binja animata mfawra b’ideat kreattivi li fihom infushom iġiegħlu lil min jarahom jistaqsi, jikkummenta u jevalwa u fl-istess ħin joħorġu l-fatturi li jagħmluna bnedmin.