L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tat is-sehem tagħha biex ikun ippubblikat “Karamellu tar-Raħal t’Isfel – l-Ewwel Ktieb” tal-awtur Carmel Charles Buttigieg. Dan il-ktieb ta’ 100 paġna jiġbor fih 10 stejjer dwar it-tfulija f’raħal Malti fi żmien meta la kien hawn televixin, la kompjuter, la internet u lanqas mowbajl.

Uħud mill-istejjer huma mnebbħin minn ġrajjiet li seħħew tassew fil-ħajja tal-awtur. Rakkonti oħrajn ilaqqgħu l-qarrej ma’ kif kienu jġibu ruħhom ċertu nies u karattri li l-awtur kien midħla tagħhom meta kien għadu tifel.

L-istejjer ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel kienu bdew jixxandru fuq Facebook fi żmien il-lockdown tal-pandemija tal-Covid 19 u s’issa fuq Facebook ġew imxandra 64 storja.

It-tnedija tal-ktieb saret fis-26 ta’ Ottubru, 2021, fl-Iskola Primarja taż-Żejtun, li kienet l-iskola fejn l-awtur kien imur meta kien għadu żgħir.