Aqra Miegħi/Read with Me hu programm immirat għal trabi u tfal ta’ taħt it-tliet snin u l-ġenituri/kuraturi tagħhom. F’dawn is-sessjonijiet BLA ĦLAS, gruppi ta’ ġenituri/kuraturi ma’ wliedhom joqogħdu attenti jisimgħu storja tinqara minn animatriċi li jkollha ktieb addattat għall-istess tfal. Il-sessjoni tinkludi kant ta’ taqbiliet u għanjiet, ngħidu aħna, tan-numri u l-alfabett. Il-programm hu bilingwi u l-ġenituri/kuraturi jkunu jafu minn qabel liema sessjonijiet huma bil-Malti u liema huma bl-Ingliż.
L-għan tal-programm huwa li jkebbes l-imħabba għall-qari fost it-tfal minn età bikrija permezz ta’ logħob u attivitajiet mimlijin gost f’ambjent ferrieħi. Il-qari jwassal għall- motivazzjoni meħtieġa biex wieħed jibda jaqra, bil-ġenituri jservu ta’ mudell kif għandha tinqara storja li toħloq relazzjoni speċjali bejn il-ġenitur u l-ulied. Dan minbarra l-iżvilupp tal-lingwa fis-sens wiesgħa tagħha.
L-iskeda u aktar informazzjoni ssibuha fuq il-paġna ta’ Facebook Aqra Miegħi/Read with Me.
Biex tirriserva post ċempel 2598 2999 jew ibgħat ittra elettronika lil [email protected]