EducationMEYR

Titħabbar l-Ewwel Edizzjoni tal-Festival Esperimenta Tikka Xjenza

Se tittella’ l-ewwel edizzjoni tal-Festival ‘Esperimenta Tikka Xjenza’, li għandu l-għan li kull individwu fil-komunità jkun aktar mgħarraf dwar l-importanza tax-xjenza u jħossu aktar konxju li din hija aċċessibbli u relevanti fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Festival bit-tema’ ewlenija tiffoka fuq Sostenibbiltà Ambjentali għall-ġid tagħna lkoll, se jittella’ f’Couvre Porte fil-Birgu mis-6 ta’ filgħaxija ‘l quddiem, nhar is-Sibt 23 ta’ Lulju u se jkun bla ħlas.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-Esplora flimkien mal-kollaboraturi se joffru wirjiet tax-xjenza u sessjonijiet ta’ rakkonti ta’ stejjer mill-Esplora, żfin u teatru, films qosra, bosta attivitajiet relatati, busking tax-xjenza u aktar. B’hekk dawk kollha li jattendu jkunu jistgħu japprezaw aħjar ix-xjenza u kemm din tista’ tkun pjaċevoli meta tesperjenzaha.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti faħħar din l-inizjattiva li se twassal biex ix-xjenza tasal għand il-familji Maltin u Għawdxin kollha. Huwa kompla jżid li “irid nara soċjetà li ma tibqax tikklassifika l-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni mar-riċerkaturi biss. Kull wieħed u waħda minnha, kemm jekk tfal kif ukoll anzjani nagħmlu użu mix-xjenza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum”.

Fl-intervent tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret il-kollaborazzjoni tal-iSTEM Engagement Working Group mal-Esplora, biex tkun tista’ tittella’ din l-attività fil-qalb tal-komunità tal-Kottonera. “Minbarra s-sabiħ tal-element edukattiv ta’ dan ir-roaming festival, attivitajiet bħal dawn joħolqu sens ta’ komunità u jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna, speċjalment wara kważi nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija” qalet Zerafa Civelli.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li: “L‑għan ewlieni taċ‑Ċentru Esplora, li jitmexxa mill-Kunsill Malti għax‑Xjenza u t‑Teknoloġija, huwa li jixpruna t‑tisħiħ fl‑għarfien, fl‑edukazzjoni u f’metodi li jinkoraġġixxu l‑parteċipazzjoni tal‑komunità fl‑oqsma kollha tax-Xjenza. Oqsma li, aktar ma jgħaddi ż‑żmien, dejjem qed isiru iktar importanti u meħtieġa. Illum qed inħabbru ‘Esperimenta Tikka Xjenza’, l‑ewwel minn sensiela ta’ festivals li huma ppjanati li jittellgħu fiż‑żona tat‑Tlett Ibliet tal‑Kottonera u l‑Kalkara.”

L-għada tal-festival – nhar il-Ħadd 24 ta’ Lulju – esebizzjoni ta’ logħob tal-injam li se tkun Malta minn Barċellona bl-isem ta’ Xics del Xurrac, se żżewwaq Misraħ l-Isptar f’Ħaż-Żebbuġ bejn l-4pm u d-9pm ta’ filgħaxija. Din l-esebizzjoni se tkun parti kemm mill-festival fil-Birgu u se ssir ukoll f’Ħaż-Żebbuġ.

Il-festival ‘Esperimenta Tikka Xjenza’ se jittella’ b’kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru Xjentifiku ta’ Malta, l-Esplora u l-iSTEM Engagement Working Group.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindu tal-Birgu John Boxall.