Tnedew sitt kumitati tematiċi marbuta mat-tieni Strateġija Smart Specialisation, fl-oqsma tas-saħħa, l-użu sostenibbli tar-riżorsi għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, il-manifattura intelliġenti, it-teknoloġija marittima, l-avjazzjoni u l-ajruspazju u t-teknoloġiji diġitali futuri. Dawn l-oqsma huma lkoll fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u għandhom l-potenzjal li jikbru permezz tal-innovazzjoni.
L-għan ta’ dawn il-kumitati huwa li permezz tagħhom din l-iStrateġija tista’ tkun implimentata fl-oqsma kkonċernati permezz ta’ sinerġija bejn il-gvern, l-akkademja, il-kummerċ u s-soċjetà ċivili. Filwaqt li l-kumitati se jirraportaw lill-Ministeru, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija se joffri l-appoġġ tekniku lil kull kumitat tematiku biex jipprovdi l-għodda possibli ta’ għajnuna. Minbarra dan, il-kumitati se jsaħħu l-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija Smart Specialisation bħala kunċett politiku.
Permezz tar-rakkomandazzjonijiet li l-kumitati se jgħaddu direttament lil Ministeru, dawn se jkunu jistgħu jiġu diskussi fl-ogħla livelli politiċi u b’hekk il-viżjoni ta’ governanza tkompli tissaħħaħ billi fil-prattika jkun hemm ukoll l-involviment dirett tar-riċerka.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti sostna li permezz ta dik l-Istrateġija Smart Specialisation, il-viżjoni għal Malta ta’ għada hija ċara. “Iridu nazzjon aktar sikur, b’saħħtu u li jirnexxi, mibni fuq prinċipji ta’ governanza tajba u żvilupp sostenibbli li lest jagħti sehmu lejn ekonomija ekoloġika u diġitali kif ukoll isaħħaħ il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet kemm t’issa u kif ukoll tal-futur”, qal Azzopardi Tanti. Huwa kompla billi qal, “Din l-istrateġija għandha rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni u aħna bħala gvern ninsabu determinati li nwettqu dan”.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando qal, “Ninsabu kuntenti u tabilħaq kburin bl-isforzi kollettivi li wassluna għal din it-tnedija u aħna bħala Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija qegħdin hemm biex nagħtu s-sehem kollu tagħna billi nappoġġjaw lill-Ministeru sabiex niżguraw l-implimentazzjoni tal-istrateġija b’suċċess”.
L-identifikazzjoni tal-oqsma tematiċi baqa’ għan ewlieni tul il-proċess tal-iżvilupp tal-istrateġija u sar b’attenzjoni speċjali fl-oqsma fejn Malta għandha potenzjal akbar għall-innovazzjoni. L-oqsma tematiċi magħżula fl-Istrateġija l-ġdida huma għalhekk riżultat ta’ analiżi dettaljati u ħidma mill-partijiet kollha kkonċernati.