L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bħal kull sena se torganizza il-premju tal-Iskejjel Promoturi tal-Kotba. Dan il-premju jingħata lil dawk l-iskejjel li matul is-sena skolastika jkunu organizzaw għadd ta’ attivitajiet marbuta mal-qari, il-kotba u l-litteriżmu. Il-kategoriji tal-premjijiet huma: Deheb, Fidda u Bronż.
Il-Premju tad-Deheb:
· L-attivitajiet organizzati jkunu varjati u jsiru matul is-sena kollha. · L-attivitajiet jinvolvu s-snin kollha tal-iskola kif ukoll il-membri tal-istaff u l-ġenituri. · L-iskola turi impenn qawwi fil-promozzjoni tal-qari u l-litteriżmu. · L-iskola tieħu sehem f’attivitajiet u programmi organizzati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. · L-iskola torganizza numru ta’ attivitajiet oriġinali u mhux dawk biss issuġġeriti mil- LISU. · Il-pjan mibgħut ikun iddettaljat u jispjega ċar l-attivitajiet li se jsiru mill-iskola. |
Il-Premju tal-Fidda:
· L-aktar li jsiru attivitajiet hu matul il-ġimgħa tal-Jum Dinji tal-Ktieb, li se tkun bejn l-24 u t-28 ta’ April 2023. · Isiru attivitajiet li jinvolvu biss lill-istudenti. · L-iskola tieħu sehem biss fi ftit attivitajiet/programmi organizzati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. · L-iskola torganizza l-aktar l-attivitajiet issuġġeriti mil-LISU. · Il-pjan mibgħut ma jkunx wisq iddettaljat. |
Premju tal-Bronż:
· L-attivitajiet huma organizzati biss matul il-ġimgħa tal-Jum Dinji tal-Ktieb. · Mhux is-snin tal-iskola kollha jkunu involuti fil-promozzjoni tal-kotba/qari. · L-iskola torganizza biss attivitajiet issuġġeriti mil-LISU. · Il-pjan mibgħut ikun qasir u bi ftit informazzjoni. |
L-iskejjel, biex jipparteċipaw, jistgħu jibagħtu kopja stampata tal-pjan li jkunu qed jimplimentaw lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kurrikulu, Triq Ġużè Abela Scolaro, il-Ħamrun sa mhux aktar tard mil-Ġimgħa, 5 ta’ Mejju 2023.