EducationMEYR

Taħriġ Ieħor għall-Għalliema Supplimentari

Matul is-sena skolastika jibqa’ għaddej il-proċess tal-għażla għal aktar għalliema supplimentari. Dawk kollha li jissejħu għall-impjieg jiġu msejħa għal ġurnata ta’ Taħriġ speċjali li tagħtihom aktar kuntest għall-prattika li ser ikunu mitluba jwettqu.

Nhar it-Tnejn, 27 ta’ Frar, 2023, id-Dipartiment tar-Riżorsi Edukattivi flimkien ma’ numru ta’ edukaturi reġa’ organizza taħriġ għal dawk l-għalliema impjegati ġodda.

Il-ġurnata kienet miftuħa b’diskors t’ispirazzjoni mid-Direttrici s-Sa Lucienne Calleja, b’kontinwazzjoni ta’ dettalji informattivi mill-Uffiċċjal Edukattiv s-Sa. Annabel Desira.

Wara, l-Uffiċċjal Edukattiv s-Sur Stephan Borg ta stampa ċara ta’ dak li jkun mistenni fil-fajl tal-għalliem kif ukoll spjega għaliex hu importanti li wieħed jibni relazzjoni tajba kemm mal-kollegi kif ukoll mal-Uffiċċjal Edukattiv tas-Suġġett.

Wara l-pawża li serviet bħala eżerċizzju ta’ aktar mistoqsijiet u networking, kellna spjegazzjoni prattika dwar l-isfidi tal-Imġiba li nistgħu niltaqgħu magħhom ta’ kuljum f’dan ix-xogħol. Dis-sessjoni kienet iffaċilitata mis-Sur Patrick Mercieca, Assistent Kap ta’ Skola Medja. Immedjatament warajh, is-Sa. Jennifer Grima, bħala rappreżentanta uffiċċjali mill-Kunsill tal-Professjoni tal-Għalliema spjegat fid-dettall għaliex hu importanti l-warrant tal-għalliem u fiex jikkonsistu l-Kodiċi tal-Etika tal-Professjoni. Dis-sessjoni ħolqot ferm interess u mistoqsijiet li ħallew il-parteċipanti għatxana għal aktar tagħrif fil-qasam.

Fl-aħħar is-Sa. Clare Wigg (Uffiċċjal Edukattiv tal-Kurrikulum) tkellmet dwar l-istrateġiji tal-Assessjar effettiv. Kienet megħjuna mis-Sa. Catherine Bezzina (Uffiċċjal Edukattiv tal-ERD) li tat eżempji prattiċi u rreferiet għal siti fejn l-għalliema jistgħu jfittxu aktar informazzjoni. L-għalliema sabu għajn ta’ informazzjoni f’dak kollu li ż-żewġ uffiċċjali qasmu magħhom.

Il-ġurnata ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna tas-Sur Franco Ebejer, is-Sa. Jennifer Agius, is-Sa. Daniela Galea u s-Sur Frankie Spiteri li ħadu ħsieb jaraw li kollox imur skont il-pjan mill-iċken dettall sal-akbar talba li kellna.

Grazzi ferm għal esperjenza oħra mimlija b’daqshekk ħidma u passjoni lejn it-tagħlim.