L-Aġenzija Żgħażagħ matul dan is-sajf qed torganizza diversi programmi li permezz tagħhom tipprovdi għodod importanti li jiffukaw fuq ħiliet tal-ħajja, immirati għal żgħażagħ bejn it-12 u s-16-il sena.

 

Dawn il-programmi, qed isaħħu liż-żgħażagħ f’aspetti kemm personali kif ukoll soċjali u qed ikomplu jixxprunawhom biex ikunu sors ta’ bidla matura, b’viżjoni ċara u kreattiva, għal futur aħjar.

 

L-Aġenzija Żgħażagħ qed tipprovdi 15-il programm, fejn kull wieħed jiffoka fuq temi differenti filwaqt li jgħin liż-żgħażagħ jitrawwmu b’mod ħolistiku f’ħiliet essenzjali għal ħajja.

 

Filwaqt li l-ewwel fażi ta’ programmi ġiet fi tmiemha lejn l-aħħar ta’ Lulju, fl-ewwel ġimgħa t’Awwissu ngħata bidu għat-tieni fażi bi programmi ġodda li qed ilaqqgħu liż-żgħażagħ mad-dinja tal-image theatre u shadow theatre, kif ukoll jagħtihom opportunità jimirħu u jesperjenzaw diversi dinijet virtwali.