EducationYouth

L-Aġenzija Żgħażagħ tippremja l-ħidma tal-Kunsilli tal-Istudenti

Matul is-sena skolastika 2023-2024, l-Aġenzija Żgħażagħ offriet is-sapport tagħha lil 30 skola biex jorganizzaw il-kunsill tal-istudenti fi ħdan l-iskejjel tagħhom. Madwar 377 studenti ġew rikonoxxuti bil-ħidma tagħhom  fil-kunsill tal-istudenti. Kull skola hi eleġibbli biex tieħu l-premju tad-demokrazija li skont il-ħidma tagħhom, dawn jiġu rikonoxxuti fl- level ta’ bronż, fidda jew tad-deheb. 7 skejjel irnexxielhom jiksbu l-premju tad-deheb, 15 -il skola kisbu l-premju tal-fidda, 6 skejjel kisbu l-premju tal-bronż u 2 skejjel ingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni. Din hija l-ħames darba li l-Aġenzija Żgħażagħ organizzat din l-inizjattiva biex tirrikonoxxi l-ħidma ta’ dawn l-istudenti.

Permezz ta’ din il-ħidma, l-Aġenzija Żgħażagħ tkompli ssaħħaħ l-għarfien tal-istudenti biex jifmhu fiex tikkonsisti d-demokrazija, speċifikament fil-kuntest skolastiku. L-istudenti jkollhom l-opportunità li jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ ċertu proċessi bħal per eżempju li jipparteċipaw f’elezzjoni, jħejju ruħhom għal ċertu diskorsi fil-pubbliku, jitkellmu ma’ studenti oħra u wkoll jgħaddu mill-proċess tal-vot.

Ladarba l-kunsill tal-istudenti jiġi elett, l-istudenti jiddiskutu u jqasmu l-irwoli differenti fi ħdan il-kunsill. L-Aġenzija Żgħażagħ tigwida lill-għalliema responsabbli u anke studenti kif jagħmlu pjan annwali effettiv, jieħdu l-minuti u anke jorganizzaw attivitajiet varji. Grazzi għall-kunsill tal-istudenti, qed jiġu żviluppati diversi ħiliet essenzjali bħal komunikazzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet, li taħdem f’tim u ma’ nies differenti, kif tipjana u torganizza attivitajiet u aktar. Madanakollu, l-istudenti qed jiġu mgħarfa fuq aspetti importanti oħra bħal finanzi, kif tirriklama attivita’, u kif tmexxi.

B’mod finanzjarju l-Aġenzija Żgħażagħ tiprovdi €150 lil kull skola sekondarja biex tkompli toffri s-sapport neċessarju lill-kunsill tal-istudenti. Fl-attivita’ organizzata mil-Aġenzija Żgħażagħ biex propju tirrikonoxxi din il-ħidma, diversi studenti stqarrew is-sodisfazzjon tagħhom bir-riżultati li kisbu huma stess u tennew li lesti jkomplu din il-ħidma għax mill-Kunsill tal-istudenti joħroġ ġid kbir u jitħalla impatt ferm sabiħ, kemm fuqhom personali kif ukoll fuq l-istudenti l-oħra.