F’ċerimonja fil-Palazz tal-Verdala, il-President ta’ Malta, l-E.T. Dr George Vella onora lil Aġenzija Żgħażagħ bi premju għas-servizz ta’ kwalità li toffri. Il-Premju ngħata lill-Kap tal- Aġenzija Miriam Teuma, f’isem l-impjegati kollha tal-AŻ u fil-preżenza tal-Kap tas-Servizz Pubbliku, Mario Cutajar.
Il-Premju ta’ Kwalità jingħata lil dipartimenti u entitajiet fl-Amministrazzjoni Pubblika, li jeċċellaw fis-servizzi li jagħtu billi jilħqu standards stabbiliti f’Charter ta’ Kwalità tas-Servizz Pubbliku. Dawn l-istandards huma msejsa fuq erba’ pilastri: li fis-servizz li nagħtu, nifhmu lill-klijenti; nimplimentaw is-servizzi kif mistennija mill-kijenti; nagħtu servizz ta’ kwalità, u; billi l-klijenti jsiru parti mill-kwalità għolja tas-servizz li jkunu qegħdin jingħataw. B’hekk, l- Aġenzija Żgħażagħ tista’ titqies bħala aġenzija tal-Gvern li tista’ toqgħod fuqha, li tagħtik servizz b’effiċjenza u b’kortesija, li tikkomunika miegħek f’kull ħin, li tintlaħaq faċilment u li tista’ tafda s-servizzi tagħha.